Il-ħajja ma Għandhiex Prezz

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi fil-Konkatidral ta’ San Gwann fl-okkazjoni ta’ Jum il-Ħajja 5-2-2023  organizzat, ghal darb’ohra mill-2007, mill-Malta Unborn Child Platform, issa fil-Movt ta’ Kana.

Verzjoni Digitli – Il-Lehen – Il-Hadd 12-2-2023

Fit-18 ta’ Jannar li għadda, mara ta’ tletin sena, Pelin Kaya, kienet maqtula proprju fil-ġurnata li ċċelebrat għeluq sninha. Kienet miexja u spiċċat vittma b’karozza misjuqa għal ġo fiha. Il-qtil tagħha bir-raġun ġab reazzjoni qawwija fost ħafna nies. Kif jista’ jkun tkun miexja għall-kwiet u f’daqqa waħda ssib min itemmlek ħajtek?

Aħna u niċċelebraw illum, ftit ġranet wara, Jum il-Ħajja, ma nistgħux ma nfissrux in-niket kbir tagħna għal dan il-qtil u nuru s-solidarjetà sħiħa mal-familja tal-vittma. Ġrajja terribbli bħal din għandha ssaħħaħ fina lkoll ir-rieda li nipproteġu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda, għax il-ħajja ma għandhiex prezz. Il-ħajja umana għandha l-ikbar valur.

Irridu nsostnu għażliet konsistenti favur il-ħajja f’kull waqt tagħha. Għalhekk naħdmu biex nipproteġu l-ħajja minn kull theddida: nagħmlu dan billi nieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex nipproteġu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol; inħarsu l-ħolqien mill-isfreġju għax ambjent meqrud għandu effett dirett fuq il-ħajja; niddefendu l-vittmi ta’ vjolenza domestika u ngħinuhom joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż; insalvaw lil dawk li qegħdin f’riskju li jegħrqu u jisparixxu fil-Mediterran – u rrid infakkar li ftit ġranet ilu mietu għadd ta’ persuni, fosthom tarbija u omm li ma sabux għajnuna; noħolqu kuxjenza li d-droga hi l-qerda tal-ħajja u toħloq kontinwament vittmi, u vittmi tal-vittmi; nieqfu ma’dawk li minħabba l-mard jew età kbira jispiċċaw f’qagħda ta’ dgħufija u vulnerabilità.

Dawn il-ħidmiet huma kollha espressjonijiet tal-impenn favur il-ħajja. Imma dan l-impenn irid ikun konsistenti, ma jaqta’ xejn, u biex ikollna għażliet konsistenti favur il-ħajja, irridu nibdew mill-bidu nett, mhux minn ftit wara. Mill-bidu nett, meta diġà hemm ħajja umana, jiġifieri mat-tnissil ta’ din il-ħajja umana.

Il-mument deċisiv

Qegħdin fi żmien tassew importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, f’mument deċiżiv, fejn irridu nagħmlu għażla: jew nipproteġu l-ħajja umana mill-bidu, meta diġà hemm ħajja umana, jew le.

Nafu li s’issa dak li qed jiġi propost ifisser effettivament li jkun aċċettat li ttemm il-ħajja umana fil-ġuf f’ċirkustanzi partikulari. Irridu nkunu ċari ħafna x’qed ngħidu. Fejn hi kwestjoni ta’ periklu għall-ħajja tal-omm, din qatt ma kienet problema f’dawn l-aħħar snin u mhijiex problema llum. Niddefendu l-ħajja tal-omm u tat-tarbija, u nfittxu li nsalvaw il-ħajja tat-tnejn li huma; imma jekk f’xi waqt ikun hemm theddida għall-ħajja tal-omm, nagħmlu dak li hu meħtieġ biex insalvaw il-ħajja tagħha. Il-problema kbira hi meta wieħed iżid il-kelma “saħħa”, kif qed jiġi propost. Din tibdel ix-xenarju kollu, u ġie spjegat b’mod ċar ħafna għaliex. L-esperjenza f’diversi postijiet tad-dinja turina li l-kelma “saħħa” hi preċiżament il-kelma li tintuża biex tiġġustifika t-tmiem ta’ tant ħajjiet. Irridu nitgħallmu minn dak li ġara, mhux nagħlqu għajnejna biex qisna ma nafux x’ġara. Is-saħħa rridu nħarsuha u nipproteġuha, u nagħmlu hekk b’mod sħiħ; imma ma nużawx raġunijiet ta’ saħħa biex intemmu ħajja umana vulnerabbli fil-ġuf.

‘La toqtolx’ qiegħed hemm għal kulħadd

Kultant ikun hemm min jirraġuna li jekk inti favur il-ħajja umana mit-tnissil, u tfittex tipproteġi l-ħajja mat-tnissil, int qed timxi ma’ dak li tgħid il-Knisja. Jgħidulek: dik hi l-pożizzjoni tal-Knisja! Verament, hu ta’ preġju u unur għall-Knisja li bla biża’ tipproteġi l- ħajja dejjem. Imma din mhijiex xi ħaġa ristretta għall-Knisja jew għal min jemmen fi Kristu. Din hi għal min jagħraf dak li tgħid ix-xjenza u jemmen fil-bniedem. Ikun hemm min jgħid: jekk inti temmen hekk, imxi hekk; imma lili ħallili l-libertà li nimxi mod ieħor! X’ifisser dan ir-raġunament? Ħa ngħiduh b’termini oħra biex nifhmu x’ifisser: jekk inti Nisrani u temmen li ma għandekx toqtol, għax hemm kmandament “la toqtolx”, toqtolx; imma lili ħallili d-dritt li noqtol, għax jien m’inix tal-Knisja u għandi valuri differenti minn tiegħek.

Dan x’raġunament hu? Mela li ma toqtolx hu obbligu għall-Kattoliċi biss u mhux għal kull bniedem? Minn meta li tipproteġi d-dritt għall-ħajja hi ħaġa tal-Kattoliċi biss u mhux ta’ kull bniedem?

Xhieda mill-isbaħ 

Irrid illum nirringrazzja lil dawk il-persuni fil-ħajja pubblika, u huma diversi, li mhumiex jibżgħu jiddefendu l-ħajja b’mod ċar u bla biża’. Ma qegħdux l-ewwel il-pożizzjoni tagħhom, imma qiegħdu l-ewwel il-ħajja tal-bniedem. Nixtieq nagħmlilhom ħafna kuraġġ biex jagħżlu dejjem dak li hu sewwa, anke meta hemm konsegwenza għall-għażliet tagħhom.

Għandkom tkunu kburin li qed tipproteġu l-ħajja tal-bniedem. Ma hemmx ġieh akbar minn dan! X’inhi l-karriera, il-pożizzjoni, ħdejn il-ħajja tal-bniedem? Din tagħkom hija xhieda qawwija u tant meħtieġa fis-soċjetà tal-lum. Bix-xhieda tagħkom, tkunu melħ tal-art u dawl tad-dinja, kif smajna fl-Evanġelju llum.

Is-saħħa tas-soċjetà

Hemm statut politiku li jgħid hekk: “Is-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa fost il-membri tagħha”. Verament! Hemmhekk nuru kemm is-soċjetà tkun b’saħħitha. U min huma l-aktar dgħajfa? Huma dawk fil-ġuf bla vuċi, vulnerabbli, dawk dipendenti fuq l-oħrajn biex jistgħu jgħixu, dawk li għal żmien mhumiex vijabbli imma jsiru vijabbli proprju bis-sostenn li jingħataw. Dik hi soċjetà progressiva – li tassigura l-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Nixtieq nuri apprezzament lejn dawk l-organizzazzjonijiet f’pajjiżna li qed jaħdmu b’qawwa għal dan. Qed jaħdmu għall-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, u fl-istess waqt qed jagħtu għajnuna sħiħa lil dawk in-nisa li jsibu ruħhom f’diffikultà fit-tqala, jew iħabbtu wiċċhom ma’ tqala mhux mixtieqa, jew waħedhom iridu jaffaċċjaw sfidi kbar. Hija din l-azzjoni favur dawn in-nisa li aħna rridu nkomplu nsaħħu. Ma nħallu ebda persuna tbati waħedha, imma rridu li ssib spalla fl-aktar mumenti ibsin.

Nitolbu llum, f’Jum il-Ħajja, biex inkomplu naħdmu bis-sħiħ għall-ħarsien tal-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Nitolbu biex dawk li għandhom responsabbiltà li jilleġislaw jagħrfu jerfgħu din ir-responsabbiltà tagħhom u jipproteġu l-ħajja umana dejjem ħalli nkomplu ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.