Waqt li t-twelid jgħaxxqek, l-abort Ikexkxek

Intervent mill-ġinekologu il-professur George Gregory Buttigieg waqt ċelebrazzjoni favur il-ħajja li saret fil-konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, organizzata mimill Malta Unborn Child Platform fil Movt ta Kana I-Hadd, 5-2-2023 ghal darb’ohra mill-2007.

Verzjoni Digitli – Il-Lehen – Il-Hadd 19-2-2023

Nirringrazzja lill-Malta Unborn Child Platform ta’ din l-istedina, u nifirħilhom tax-xogħol kbir ta’ fejda li jagħmlu biex iħarsu lit-trabi mhux imwielda.

Ħamsa u erbgħin sena ilu fi Glasgow, l-Iskozja, pajjiż tant għal qalbi, bdejt it-traġitt tiegħi biex nispeċjalizza fil-maternità u l-ġinekoloġija. Suġġett sabiħ li jien kont u għadni, nirringrazzja ’l Alla, li nipprattikah għax jagħtini ċ-ċans  nipparteċipa fil-pjan divin tal-ħolqien. Madankollu, l-istess suġġett fetaħli bieb ta’ biża għax esponieni għall-abort.

Mhuwiex hawnhekk il-waqt u lanqas il-ħin li nfiehem il-kruhat li rajt f’dak iż-żmien. Però, iva, nista’ ngħid li jekk it-twelid jgħaxxqek, l-abort ikexkxek! Kien żmien ta’ kriżi għalija anki jekk ma nipparteċipax u nara biss dawn il-ħwejjeġ u kien hemm żmien li ridt nitlaq mill-ispeċjalità. Kienet marti li ġabitni f’sensija u għamiltli l-kuraġġ biex inkompli.

Żammejt ukoll f’qalbi l-kliem tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, “Kunu makakki daqs is-sriep, imma safja daqs il-ħamiem!”. Bdejt niġbor tagħrif u nlesti għal meta jiġi ż-żmien li forsi rrid niġġieled din is-saħta f’pajjiżi. Però, dak iż-żmien kelli moħħi mistrieħ li meta nerġa’ lura Malta, stajt naħdem bil-kwiet mingħajr ma mmiss mal-abort. 

Hawnhekk tiġi f’moħħi Ruma tal-qedem, meta l-ommijiet kienu jwerwru lit-tfal

imqarbin bil-kliem “Annibale ad portas” b’riferenza għall-ġeneral Kartaġiniż li kin qasam l-alpi bl-iljunfanti u ma seta’ jitwaqqaf minn ħadd. Illum f’Malta mhumiex it-tfal Rumani li qed jibżġħu imma kull raġel u mara ta’ rieda tajba li huma mwerwrin mill-waħx tal-abort li jinsab wara bieb Malta. L-abort li qiegħed jinbiegħ lilna bħala parti minn healthcare li ma teżistix. Fiż-żmien tat-taħriġ tiegħi fi Glasgow, bħal kull sptar ieħor fil-Gran Brittanja u fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa, kont rari nsib raġuni serja waħda f’eluf ta’ aborti li kollha jsiru għal xi tip ta’ konvenjenza. 

Wasal sew iż-żmien li kull mara u raġel, kull żagħżugħ u żagħżugħa jifhmu sew xi jfisser l-abort. U huwa d-dmir ta’ kull bniedem, li jiġġieled id-dħul ta’ din is-saħta f’pajjiżna. M’hemmx ħtieġa li tkun tabib jew professur, kull bniedem, hi x’inhi s-sejħa tiegħu jew tagħha, jekk hu ta’ rieda tajba, għandu jiddefendi l-ħajja fil-ġuf. 

Dejjem qed nirreferi għall-mezzi għal kollox legali. U fost dawn il-mezzi hemm it-talb, li jiena ma nistħix nipproponi ukoll lil dinja li iktar ma jmur, aktar qed issir ma temminx. Nitolbu, speċjalment lil Ommna Imqaddsa, il-verġni eterna u omm għażiża.

Fl-aħħar nagħlaq bil-kliem li għalaqt bih taħdita pubblika dan l-aħħar: Ma nħallux li l- abjad tal-bandiera Maltija jittebba’ bid-demm tat-trabi innoċenti.