By Tony Mifsud
7 ta’ Novembru , 2024
Mill Malta Unborn Child Platform – MUCP
Lill-Bord ta’ Konsultazzjoni
Dwar ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja f’Malta 2024
……………………………………………………………………………………………………
1. Introduzzjoni – Il Familji Maltija Għandha Wkoll Tfal fil-Ġuf
2. Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal
3. Att dwar il-Vjolenza Domestika u t-Tarbija li tkun se Titwieled
4. Att dwar il-Protezzjoni tal-Maternita’ fuq il-Post tax-Xogħol
5. Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ – Ordnijiet għall-Ħarsien
6. F’Malta it-Tarbija fil-Ġuf Meqjusa Bħala Persuna Umana
7. Ir-rwol tal-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja
8. Konklużżjoni – Il-Qorti tal-Familji Tipproteġi wkoll it-Tfal fil-Ġuf
Mill-Malta Unborn Child Platform 7 ta Novembru 2024
Lill-Bord ta’ Konsultazzjoni
Dwar ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja f’Malta
1.0. Introduzzjoni – Il-Familji Maltija għandha wkoll Tfal fil-Ġuf
1.1.Il-Malta Unborn Child Platform -MUCP – (qabel kien il-Malta Unborn Child Movement – MUCM) qiegħed jagħmel sottomissjonijiet lill-Bord ta’ Konsultazzjoni dwar ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja, speċjalment dwar l Avukati tat-Tfal
1.2. Ir-riforma qed issir dwar il-Qorti tal-Familja. Il-maġġoranza kbira tal-familji Maltin ikollhom it-tfal. Kull tifel u tifla, f’kull familja, jibdew bħala trabi, anżi trabi fil-ġuf.
1.3. It-tarbija fil-ġuf f’Malta hija rikonoxxuta fil-leġislazzjoni Maltija bħala persuna umana
2.0. Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal
2.1. Fil-liġi tal-Kummissarju tat-Tfal, Kapitolu 462 tal-5 ta’ Diċembru, 2003, hemm miktub l-iskop tal-Att imsemmi:
2.2. “Biex jipprovdi għall-ħatra ta’ Kummissarju għat-Tfal bis-setgħa li jinvestiga kull ksur jew kontravvenzjoni tad-drittijiet tat-tfal.”
2.3. F’artiklu 9, minn (a) sa (m) jingħadu l-funzjonijiet li għandu l-Kummissarju, fosthom:
2.4. (9.h) “li jippromwovi l-ogħla standards ta’ servizzi ta’ saħħa u servizzi soċjali għan-nisa waqt it-tqala tagħhom u li jippromwovi l-ħarsien u l-protezzjoni speċjali, inkluża l-protezzjoni legali xierqa, għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid;”
2.5. Din il-klawsola, li kienet saret b’rakkomdazzjonijiet tal-MUCM, għaddiet unanimament kemm mill-Kumitat Soċjali tal-Parlament, kif ukoll mill-Parlament Malti.
2.6. Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kummissarju għat-Tfal Ms Antoinette Vassallo hija rapportata li qalet “It-tfal għandhom ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom” . Żgur li t-trabi fil-ġuf ma’ jistgħux jiddefendu id-drittijiet tagħhom. Xi ħadd ieħor irid jagħmel dan.
3 0. Att dwar il-Vjolenza Domestika u t-Tarbija li tkun se Titwieled
3.1. Fl-2005 il-Kumitat Soċjali tal-Parlament Malti li kien qiegħed jikkonsidra l-Abbozz ta’ Att dwar l-Vjolenza Domestika kif ukoll il-Parlament Malti kienu wkoll approvaw unanimament li t-tarbija li tkun se titwieled tkun inkluża fil-Liġi bħala “membru tal-household”.
3.2.Artiklu 2.ix tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika tal-2005 kien jgħid li: “membru domestiku” tinkludi,
3.3. (ix) it-tarbija konċepita iżda li tkun għad trid titwieled ta’ xi waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafi (i) sa (viii), it-tnejn inklużi.
3.4.Din il-klawsola kienet tneħħiet dan l-aħħar. Il-ġustifkazzjoni kienet biex dan jimxi skond l-Istanbul Convention. Fil-fatt dan kien kuntrarju għall-Istanbul Convention, li insistiet li jkun reat meta xi ħadd iġiegħel omm tabortixxi kontra r-rieda tagħha.
3.5.Dak iż-żmien fil-Parlament Malti kien intqal li din l-klawsola terġa tiddaħħal fil-liġi mhux fil-bogħod imbiegħed ħafna.
3.6. F’April 2024 l-MUCP talbet b’korrispondenza lil Antonella Mizzi, Direttur dwar il-Kura u l-Protezzjoni tat-Tfal biex tipproteġi lil madwar 500 trabi li jkunu fil-ġuf fil-Gżejjer Maltin li qed ikunu maqtula bl-abort, bil-vjolenza domestika, f’Malta stess. Fl-istess żmien id-Direttur qaltilna li ma’ ndumux ma’ nisimgħu mingħandha. Sal-lum, 30 t’Ottubru 2024, ma’ smajna xejn.
4.0. Att dwar il-Protezzjoni tal-Maternita fuq il-Post tax-Xogħol
4.1.Fil-leġislazzjoni Maltija tal-1 ta’ Jannar, 2001 dwar il-Protezzjoni tal-Maternita fuq il-post tax-Xogħol f’artiklu 2 ġie stipulat li: “tarbija” tinkludi tarbija fil-ġuf. Ta’min jinnota dawn id-definizzjonijiet ta’ artiklu 2:
4.2. “kondizzjonijiet ta’ l-impieg” għandha l-istess tifsir mogħti lilha fl-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, jew kull liġi oħra li tissostitwih;
“mara” tinkludi mara tqila jew mara li treddgħa, u omm;.
“mara li tredda’” tfisser mara li treddgħa skont kif definit fl-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jew f ’leġislazzjoni sussidjarja;
“mara tqila” tfisser mara tqila skont kif definit fl-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jew f’leġislazzjoni sussidjarja;
“omm” tfisser mara li tkun reċentement welldet tarbija ħajja jew mejta, u li tgħarraf b’dan il-fatt lil min iħaddimha permezz ta’ċertifikat maħruġ minn tabib jew minn qabla, u fil-każ ta’ mara li twelled tarbija ħajja, għandha tibqa’ titqies bħala hekk sa sitt xhur wara t-twelid tat-tarbija;
“tarbija” tinkludi tarbija fil-ġuf.
5.0. Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ – Ordnijiet għall-Ħarsien
5.1. It-tarbija fil-ġuf hija wkoll protetta minn Kapitlu 285* – Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ – Ordnijiet għall-Ħarsien.
5.2. Fid-9 t’Ottubru 2023 waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar l-20 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Dipartiment tas-Social Work u Social Policy fil-Fakulta tas-Social Wellbeing tal-Universita ta’ Malta, li saret fl-Universita l-Antika il-Belt, il-Ministru tal-Protezzjoni tat-Tfal, l-Avukat Michael Falzon, qal li fost l-ewwel deċizjonijiet li kellu jieħu meta ħa l-kariga ta’ Ministru tat-Tfal kienet li jiffirma Care Order, skond il-liġi, li kienet intiża li tipproteġi l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf
6.0. F’Malta it-Tarbija fil-Ġuf Meqjusa Bħala Persuna Umana
Dak li intqal fuq juri li t-tarbija fil-ġuf, jew it-tarbija li tkun se titwieled, hija rikonoxxuta u protetta mil-liġijiet Maltin.
7.0. Ir-rwol tal-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja
7.1. Ir-rapport sottomess għad-diskussjoni dwar ir-Riforma tal-Qorti tal-Familja jgħid li r-rwoli tal-avukati tat-tfal kien hemm qbil dwar il-bżonn li dawn jingħataw iktar rikonnoxximent tar-rwol tagħhom fis-sistema ġudizzjarja fil-Qorti tal-Familja.
7.2. Intqal li t-tfal m’għandhom lil ħadd li jitkellem għalihom u jiddefendihom u li għalhekk hemm bżonn li r-rwol ta’ dawn il-professjonisti jkun dak li jirrappreżenta “l-aqwa interess tat-tfal” irrispettivament mill-avukati tal-ġenituri.
7.3. F’kull stadju tal-proċeduri, it-tfal għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati u dan mhux limitat għal meta qegħdin jiġu deċiżi l-kustodja, l-aċċess u l-manteniment.
7.4. Ir-riforma fir-rwol tal-avukati tat-tfal ma’ tistax tkun biss bidla kosmetika iżda waħda sistematika li tapplika dejjem u f’kull ċirkustanza.
7.5. Sar suġġeriment li l-avukat tat-tfal m’għandux dejjem jinħatar waħdu, iżda għandu jkun megħjun minn tim ta’ professjonisti psikosoċjali sabiex flimkien ikunu jistgħu joffru l-aqwa rappreżentazzjoni lit-tfal.
7.6. Qed ikun ukoll osservat li l-aqwa avukati tat-tfal huma l-ġudikanti fil-Qorti tal-Familja.
7.7. Studju li kien sar dwar il-vjolenza domestika ikkommissjonat mill-Kummissjoni dwar il-Domestika ftit ta’ snin ilu kien wera li 3 fil-mijja tan-nisa tqal kienu ġew imsawwtin, mgħotijin daqqiet bl-idejn, anki fuq żaqqhom, u li 30 fil-mijja ta’ każijiet ta’ abbuż kien beda meta l-omm kienet tqila fit-tarbija fil-ġuf. Kien ġie rapurtat li d-Dipartiment tal-Ginkoloġija fl-Isptar Mater Dei kien bgħat, regolarment, każijiet ta’ vjolenza domestika.
7.8. Qed jingħad minn dawk li f’Malta qed jippromwovu l-abort – li huwa l-qtil deliberat ta’ tarbija fil-ġuf għal kull raġuni – li bħalissa madwar 500 abort qed isiru fil-Gżejjer Maltin. Trabi oħra fil-ġuf tal-omm – flimkien ma’ ommijiethom – qed ikunu abortiti barra minn Malta,
7.9. Sa fejn jista jgħid il-Malta Unborn Child Platform f‘Malta ma’ hawx statistiċi li juru il-ħsara li qed issir lil trabi fil-ġuf tal-omm bil-konsum tad-drogi, tabakk u xorb alkoħoliku mill-ġenituri tagħhom Din il-ħsara lit-trabi fil-ġuf minn sustanzi tossiċi meħudha mill-ġenituri, kemm waqt it-tqala u anki qabel, jitkellmu fuqha il-ħin kollu fil-media, il-professjonisti mediċi.
7.10. Il-MUCP ma’ jistax jgħid kemm risorsi umani qed jitħaddmu mill-Awtorita dwar is-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Postijiet tax-Xogħol biex tkun imħarsa is-saħħa u l-ħajja tat-trabi fil-ġuf fuq il-postijiet tax-xoghol. Ma’ jistax jgħid, anqas, kemm dawn ir-risorsi umani qed iħarsu u jipproteġu lill-ġenituri tat-tfal li jkunu se jitwieledu mill-effetti ħżiena ta’ kimiċi u sustanzi tossiċi fuq il-postijiet tax-xogħol, minkejja li dan huwa mistenni mill-Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Postijiet tax-Xogħol.
7.11.Fl-Istati Uniti tal-Amerika, minkejja l-ħafna aborti li jsiru, il-protezzjoni tat-tfal li jkunu fil-ġuf, taħt il-liġi federali, l-Unborn Victims of Violence Act meta issir ħsara lil tarbija li tkun fil-ġuf waqt il-kummissjoni ta’ offiżi oħrajn iġġorr l-istess piena daqs li kieku wieħed ikun ikkommetta l-istess offiża direttament kontra l-omm, u jkun irid iwieġeb għal din l-offiża bħala waħda separata mill-omm.
7.12. Matul is-snin l-MUCM/MUCP kemm-il darba ġibed l-attenzjoni ta’ diversi ministri tal-gvern dwar dan, kemm b’korrispondenza u kemm matul żjajjar lill-ministri għall-istess għan.
8.0. Konkluzzjoni – Il-Qorti tal-Familji ghanda tipproteġi wkoll lit-Tfal fil-Ġuf
8.1. S’issa jidher li xi ħidma ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ tfal li jkunu se jitwieldu saret mis-social workers u l-kapijiet tal-Aġenzija Appoġġ u anki mill-Ministru tat-Tfal l-Avukat Michael Falzon.
8.2. Kemm saret ħidma ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tat-tfal li jkunu fil-ġuf tal-omm mill-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja mhux magħruf. Żgur, imma, li jrid isir ħafna aktar biex tkun protetta is-sahha u l-ħajja tat-trabi fil-ġuf mill-Qorti tal-Familja riformat f’Malta