Malta Unborn Child Platform
Jum il-Hajja – Il-Hadd 2 ta’ Frar 2025 11.30am
Konkatidral ta’ San Gwann, Valletta.
Presenti – L-E.T. Il-President ta’ Malta – Dr Miriam Spiteri Debono
Sinjura President, Sinjuri Distinti, Sinjuri,
Nixtieq nirringrazzja lill-Malta Unborn Child Platform li, wara tmien snin, reġa onorani bl-istedina tiegħu u nieħu l-opportunita’ biex infaħħar lill-Platform għall-kontribut kbir li ilu jagħmel favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf għal iżjed minn ħamsa u għoxrin sena.
Il-kwistjoni tal-protezzjoni tat-tarbija mhux imwielda hija bażata fuq il-prinċipju sacrosant li kullħadd għandu dritt inaljenabbli għall-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Għallhekk, b’wiċċna mill-quddiem, il-maġġoranza ta’ Maltin jippretendu li l-liġijiet tal-pajjiż, li jiddefendu il-ħajja jkunu mħarsa. Jippretendu li d-dritt għall-ħajja mhux negozzjabli. Kif jgħidu bl-Inġliż ‘Not Negotiable’.
Imma fejn sejrin ?
Ħafna minnha, dawk li jiflu x’qed jiġri, għandhom għaliex jittħassbu… u ħafna… fuq id-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna.
1. F’2016 Il-Morning-after pill ġie legalliżżat bil-garanzija tal-kap tal-Malta Medicines Authority, il-Prof. Serracino Inglott, li taġixxi biss bħala kontraċettiv. Mhuwiex il-każ, għax il- morning-after pill tista’ toqtol il-ħajja bikrija fil-ġuf. F’2017, numru ta’ nies sfidaw din il-liġi fil-qorti, imma, wara l-fuq minn erba’ snin, lanqas biss setgħu jwasslu l-provi tagħhom għax l-Imħallef ċaħħad dan il-każ fuq teknikalita’. Għalhekk ngħid, li l-qrati Maltin ma’ tantx jistgħu jiġu fdati biex jiddefendu il-ħajja fil-ġuf.
2.F’2018 l-Embryo Protection Act tal-2012, li kien il-frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa, ġie mħassar. B’din il-bidla, infetaħ il-bieb beraħ għat-telf ta’ embrijuni – kif kien mwissi u mbassar. U illum hemm mijiet ta’ embrijuni fil-friża, b’futur inċert għall-aħħar. U n-numru qiegħed dejjem jikber.
3. F’Lulju 2022 sar pass ieħor kontra il-ħajja . permezz ta’ pre-natal diagnosis, għaddiet liġi li tippermetti li embrjuni b’ċerti difetti jiġu mwarrba.
B’hekk, f’Malta daħlet l-prinċipju misħut tal-eugenics fejn awtoritajiet għandhom il-poter jiddeċiedu min jitwieled u min le.
4. Fiż-żmien tal-Milied 2022 konna ffaċċjati b’attentat biex nillegaliżżaw l-abort bil-qerq, bl-iskuża qarrieqa biex nipproteġu nisa li kienu qed jiffaċċjaw tqala diffiċli, fejn kien hemm riskju għall-ħajjithom.
F’Malta ma’ kien hemm ebda bżonn għall-bidliet fil-liġi.
Il-ħajja tal-mara dejjem kienet protetta. Huwa grazzi għall-istmerrija qawwija u pubblika mill-maġġoranza tal-poplu u x-xhieda favur il-ħajja minn nies prominenti, li l-liġi ma’ għaddietx.
5. U ma’ nistax ma’ nsemmix l-incitement aggressiv, sfaċċat u kontinwu fil-pubbliku biex il- ħajja fil-ġuf tinqatel deliberatament, speċjalment permezz ta’ Chemical Abortion
Allura insaqsi: – Fejn huma l-awtoritajiet biex jiżguraw li l-liġijiet ta’ Malta favur il-ħajja jiġu mħarsa?
Imma, b’danakollu, mhux kollox huwa negattiv.
Il-maġġoranza tal-poplu hija favur il-ħajja, u jemmen bis-sħiħ li s-soċjeta’ għandha tgħin ommijiet tqal fil bżonn. Huwa b’dan il-għan li, f’2019, Life Network Foundation Malta fetħu Dar Tgħanniqa Ta’ Omm fil-Mosta u s-sena l-oħra, nbeda proġett ġdid b’studio flats li b’hekk jgħinu lin-nisa biex jkunu msaħħa sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw il-futur b’aktar indipendenza.
U hawnhekk naraw l-importanza tal-Edukazzjoni
L-edukazzjoni favur il-ħajja hija l-pedament tal-missjoni ta’ dawk kollha li verament jgħożżu l-valuri fondamentali. Nħoss li mhux qed isir biżżejjed fl-iskejjel biex nedukaw liż-żgħażagħ tagħna dwar ir-realtà tal-ħajja u l-ħażen tal-kultura tal-permessivita’, libertinaġġ u pjaċir mingħajr responsabbilta’. Irridu nedukaw iż-żgħażagħ tagħna biex jirrispettaw dejjem iżjed d-dinjità umana u jgħożżu l-virtujiet tal-integrità sesswali.
Fl-aħħar mill-aħħar, din hija battalja spiritwali.
Irridu nirbħu l-qlub u l-imħuħ taż-żgħażagħ tagħna u nuruhom is-sbuħija ta’ kultura favur il-ħajja, altrimenti mhux se nirbħu din il-ġlieda.
Biex nikonkludi: – Bħal dawk kollha favur il-ħajja, jiena nixtieq nara Malta fejn kull ħajja hija maħbuba, u kull omm hija appoġġjata. Jekk tħaddan kultura tal-ħajja, Malta tista’ tibni soċjetà li, bil-fatti, tiċċelebra l-kompassjoni, l-ugwaljanza, u r-rispett għal kulħadd. Il-ġid tas-soċjetà, ta’ pajjizna u l-ġenerazzjonijiet futuri jiddependi fuqna lkoll. Kulħadd għandu jerfa’ r-responabilta’ skond il-pożizzjoni li għandu.
Mhux inevitabbli li l-valuri tradizzjonali Nsara li kienu is-sinsla favur il-familja u l-ħajja intilfu. Malta għad għandha l-opportunità unika li ma titkaxxkarx mall-kurrent u tkun dawl fid-dlam, difensur għall-vulnerabbli u vuċi għal dawk li ma’ għandhomx vuċi. Nistieden lill kulħadd biex jingħaqad f’din il-kawża nobbli, biex niżguraw li Malta tiġġieled il-kultura tal mewt.
Insellimkom.